Tuesday, 13 February 2007

Ma nafx

Ma nafx il-għala tqattar ix-xita
minn dawk iċ-ċraret griżi
u tqal t'hemm fuq
biex tiġi timted fuq għolijietna
Ma nafx il-għala r-riħ
jitberfel f'dawn l-għodwiet sbieħ
ivenven bid-daħq tat-tfal
qniepen dgħajfin xitwin
ma nafx il-għala dan kollu
iżda naf li nħobbok għadni

Ma nafx il-għala t-triq
li tiġbidni lejn il-belt
tinxtamm bħal passaġġ kiesaħ
minn luq għal luq
Ma nafx il-għala l-qlugħ
ta' ċpar inġazzat li jwassluni
ifakkruni fil-katedrali
fejn isir it-talb għall-imħabbiet imġarrfa
Ma nafx il-għala dan kollu
iżda naf li nħobbok għadni

Ma nafx il-għala l-belt
tiftaħ fis-subborgi swaritha
u tħallini niżloq fraġili għal ġo fiha
fl-irxix qalb imħabbietha
Ma nafx il-għala dawn in-nies kollha
biex jiċċelebraw aħjar it-telf tiegħi
biex isegwu aħjar id-dfin tiegħi
qed jinkullaw imneħirhom mat-twieqi
Ma nafx il-għala dan kollu
iżda naf li nħobbok għadni

Ma nafx il-għala dawn it-toroq
jinfetħu għalija waħda waħda
verġni u ksieħ kesħa u mneżża'
xejn ħlief passejja u ħliefi l-qamar
U ma nafx il-għala l-lejl
qed jilgħab bija donni kitarra
iġegħlni niġi hawn
biex nibki quddiem dan l-istazzjon
Ma nafx il-għala dan kollu
iżda naf li nħobbok għadni

Ma nafx fi x'ħin jitlaq
dan it-trejn imnikket għal Amsterdam
li koppja trid tirkeb il-lejla
koppja li tagħha inti l-mara
U ma nafx lejn liema port
għandu jitlaq dak il-bastiment kbir minn Amsterdam
li jaqsam qalbi u jaqsam ġismi
tagħna l-imħabba u tiegħi l-ġejjieni
ma nafx il-għala dan kollu
iżda naf li nħobbok għadni
iżda naf li nħobbok għadni

(1958)

It-test bil-Franċiż

No comments: