Ix-xjuħ m'għadhomx jitkellmu, jew xi kultant biss, minn tarf l-għajnejn
Anke jekk sinjuri, jibqgħu fqar, mingħajr aktar illużjonijiet u b'xejn ħlief qalb tħabbat għal tnejn
Fid-djar tagħhom tista' xxomm is-sagħtar, l-indafa, il-lavanda u l-antikità
anke jekk tgħix fil-belt donnok tkun qed tgħix fil-kampanja meta tgħix wisq żmien(*)
Forsi għax daħqu wisq, imma meta jitkellmu dwar il-passat tinstema' kisra f'leħinhom
u għax bkew wisq, demgħa għadha tinbet ma' tebqet għajnejhom
u jekk jirtogħdu daqsxejn, dan għax ikollhom jixjieħu għat-tokki tal-pendlu
li jagħżel fis-salott, li jpespes iva li jpespes le, li jgħid : qed nistennikom
Ix-xjuħ ma joħolmux aktar, il-kotba tagħhom marru jorqdu, il-pjani tagħhom ingħalqu
il-qattus ċkejken miet, l-għenba ta' nhar ta' Ħadd ma ġġegħlhomx aktar jgħannu
Ix-xjuħ ma jiċċaqalqux aktar, il-ġesti tagħhom tkemmxu, id-dinja tagħhom wisq żgħira
Mis-sodda għat-tieqa, imbagħad mis-sodda għall-pultruna imbagħad mis-sodda għas-sodda
u jekk għadhom joħorġu labranzetta lebsin dawk il-ħwejjeġ stirati
dan jagħmluh biex għad-dawl tax-xemx jattendu d-difna ta' wieħed ixjeħ minnhom, il-funeral ta' waħda aktar kerha
U biex jgħaddu siegħa jolfqu, biex jintesew dawk it-tokki tal-pendlu
li jagħżel fis-salott, li jpespes iva li jpespes le, u li qed jistennihom
Ix-xjuħ ma jmutu qatt, jidħlu jorqdu għodwa waħda u jorqdu, jorqdu, jorqdu
Iżommu id xulxin, jibżgħu li jintilfu u xorta jintilfu
u l-ieħor hemm jibqa', l-aħjar jew l-agħar, it-twajjeb jew is-sever
ma jimpurtax aktar, minn jibqa' jinsab fl-infern
Forsi tarawh, xi kultant tarawh fix-xita jitmasħan
jaqsam il-preżent waqt li jiskuża ruħu li m'għadux 'il bogħod
u jaħarbu minn quddiemek għall-aħħar darba t-tokki tal-pendlu
li jagħżel fis-salott, li jpespes iva li jpespes le, li jgħidilhom : qed nistennik
li jagħżel fis-salott, li jpespes iva li jpespes le u li qed jistennina.
(1964)
(*) Fil-verżjoni oriġinali bil-Franċiż dan il-vers jirriferi għal "Pariġi" u "Province" (i.e. il-bqija ta' Franza li mhix Pariġi). Bil-Malti ma kinitx tagħmel wisq sens.
Din hija traduzzjoni li tibqa' fidila kemm jista' jkun mat-test oriġinali ta' Jacques Brel. Bħat-tnejn ta' qabel, "La Titlaqnix" u "Ma Nafx" naħseb li dawn il-versi bil-Malti jistgħu jitkantaw xorta waħda minn kantant ta' ċertu talent.
Wednesday, 14 February 2007
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment